14-il Ħadd ta'Matul is-Sena Ċ
- Fr. Edward Vella

- Jul 5
- 2 min read

Min minna ma jixtieqx ikun ferħan? Kull ħaġa li nagħmlu f’ħajjitna b’xi mod hija tfittxija għal ferħ. Però lkoll nafu li l-ferħ faċli wkoll itir mar-riħ, u postu tieħdu jew il-monotonija tal-ħajja ta’ kuljum jew agħar minn hekk l-hemm li ġġib miegħu l-ħajja. Għalhekk min fil-ħajja jistenna li jkun dejjem ferħan ikun qiegħed jippretendi l-impossibli. Barra dan ħafna drabi aħna naħsbu li l-ferħ huwa xi xorti tajba li taqa’ fuqna mis-sema mingħajr ma aħna għandna l-ebda kontroll fuqha: iżda fil-verità il-ferħ huwa wkoll deċiżjoni li tiddependi minna; il-bniedem li jiddeċiedi li jrid ikun ferħan fil-ħajja, jaħdem biex dak li jagħmlu verament kuntent ifittxu u dak li jbegħdu mill-ferħ ibegħdu minnu. F’dan kollu faċli niżbaljaw għax naħsbu li jagħtina l-ferħ dak li hu tad-dinja, iżda l-bniedem għaqli jaf li l-ferħ veru jew aħjar il-paċi tal-qalb insibuha biss f’Ġesù u billi nfittxu ngħixu l-Evanġelju tiegħu.
Il-qari tal-lum jitkellem ħafna dwar il-ferħ. Fl-ewwel qari smajna, ‘Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha, intom ilkoll ħbieb tagħha!’. Il-profeta Isaija, bi kliem poetiku qiegħed jistieden lil kulħadd biex jaqsam il-ferħ ma’ din il-belt. X’inhi r-raġuni tal-ferħ ta’ Ġerusalemm? Il-raġuni hi għax il-Mulej, wara ħafna snin ta’ eżilju fil-Babilonja, issa ħeles lill-belt, u ‘Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,’. Hu ser jġib fuqha s-sliem/paċi li kienet tilfet ħtija tad-dnub tagħha. Mela waħda mill-esperjenzi ta’ ferħ li joffrilna l-Mulej huwa l-ħelsien mid-dnub, l-akbar għadu tagħna. Id-dnub jisirqilna mhux biss il-ferħ, iżda iżjed minn hekk jeħdilna l-paċi tal-qalb, li jista’ jagħtihielna lura Alla biss.
Is-Salm tal-lum ikompli bl-istess innu ta’ ferħ għall-ħelsien minn jasar ieħor dak tal-Eġittu: ‘Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi; ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!’. Raġuni oħra ta’ ferħ hija għax Alla jisma t-talb tagħna. Dan ma jfissirx li jagħtina dejjem dak li nitolbuh, iżda żgur li jagħtina dak li hu verament ta’ ġid għalina: u x’inhu verament ta’ ġid għalina?
Interessanti ħafna li fl-Evanġelju tal-lum, wara li l-Mulej bagħat l-appostli jippridkaw, x’ħin reġgħu lura ferħana minnħabba s-suċċess li raw, Huwa qalilhom ‘Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet’. Ġesù hawn irid jgħidilna li l-ferħ ta’ din id-dinja, ikun kemm ikun kbir, jgħaddi, iżda hu qed jistedinna għal dak il-ferħ li jibqa’ għal dejjem u li ħadd u xejn f’din id-dinja ma jista’ jagħtihulna. Dan huwa il-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem li għalih il-Mulej qiegħed jistedinna, u li jagħmel minn kollox biex aħna ma nitilfuħx. Għax wara kollox ta’ din id-dinja kollox jgħaddi. Allura n-nisrani u kull min huwa għaqli ma jorbotx qalbu żżejjed mal-ferħ ta’ din id-dinja għax jaf li dan illum jew għada jitilfu, iżda jorbot qalbu ma’ dak il-ferħ li ma jintilifx u li jista’ jakkwistah għal dejjem. San Ġorġ Preca, il-qaddis tagħna, jgħid sentenza li ma fihiex biss ħafna għerf tas-sema iżda wkoll psikoloġikament tagħmel ħafna sens: “Il-bniedem t’Alla la jifraħ iżżejjed fil-ferħ u anqas jitnikket iżżejjed fin-niket, għaliex jaf li kulma hu ta’ din id-dinja għad jgħaddi”.
Mulej għinna nżommu dejjem f’moħħna li jekk nibnu ħajjitna fuq ir-ramel jiġifieri fuq dak kollu li hu ta’ din id-dinja, ġurnata waħda żgur li rridu naraw kollox jiġġarraf quddiemna, filwaqt li jekk nibnu darna fuq il-blat, jiġifieri fuqek u fuq il-Kelma tiegħek, l-ebda mewġ ta’ din il-ħajja ma jġarraf dak li jkun mibni fuq is-sod. Għinna biex meta nitolbuk xi ħaġa dejjem nżommu dan f’moħħna. Ammen


