Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu - Sena A
- Fr. Edward Vella

- 13 minutes ago
- 2 min read

Fi żmienna ftit minna niftakru xena li fl-antik kienet komuni ħafna, qed nirreferi għal ragħaj jirgħa l-merħla tiegħu. Fi żmien Ġesù l-kampanja kienet tkun miżgħuda bin-nagħaġ u r-rgħajja jieħdu ħsiebhom. Dak iż-żmien kien hemm żewġ tipi ta’ rgħajja: kien hemm ir-ragħaj li kellu merħla ċkejkna li kien joħroġ jiragħha hu u kien hemm ir-ragħaj mikri. Tal-ewwel x’aktarx kien raġel tal-familja, jgħix f’ċertu faqar minn dak li tipprovdilu l-art u l-merħla tiegħu; ta’ kuljum joħroġ il-merħla tiegħu, iżda filgħaxija jerġa lura u jdaħħal il-merħla tiegħu fil-maqjel.
Ir-ragħaj mikri kien jaħdem għas-sinjur li kien ikollu mrieħel kbar li jibqgħu fil-kampanja anke matul il-lejl bir-rgħajja jieħdu ħsiebha. Dawn kienu ikunu nies ta’ bla skola, bla sengħa u ta’ fama ftit tajba. Fil-lejl il-qaddis tal-Milied, meta jitwieled Ġesù ikunu dawn ir-rgħajja li jmorru jqimuh l-ewwel. Hija xi ħaġa nteressanti ħafna u li għandha ġġalna naħsbu ħafna; għaliex Alla jagħżel lil dawk li kienu fil-klassi l-aktar baxxa tas-soċjetà ta’ Iżrael, jibgħatilhom anġlu u hekk ikunu l-ewwel mistednin fil-ġrajja l-kbira tat-twelid ta’ Ibnu l-għażiż?
Nittama li fid-djar tagħna ilkoll għandna l-presepju; il-presepju ma huwiex biex inżejnu d-dar bħal tiżjin ieħor. Dawk fostna li jieqfu u jimmeditaw ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù f’għar fqir jitgħallmu minnha t-tagħlim tas-sema. Kemm sempliċità, faqar, imħabba, ġrajja li meta seħħet ma għamletx ħsejjes. Tgħid għaliex Alla ried isir bniedem bħalna u bħala kundizzjoni umana għażel għalih il-faqar, is-sempliċità, f’kelma waħda għażel dak kollu li nwarrbu aħna?
Naħseb li Alla jagħżel li jitwieled b’dan il-mod u għażel biex jadurawh fil-lejl tal-Milied lil aktar rgħajja mwarrba biex jurina li s-sens veru tal-ħajja, il-paċi tal-qalb u l-imħabba vera ma jinstabux hemm fejn infittxuhom aħna l-bnedmin. Aħna rridu l-lussu, kumdità, għana, min iservina, u l-Mulej jagħżel għalih il-faqar, l-umiltà u fuq kollox li jsir tarbija fqira li ġġiblek tenerezza. Hu ġie biex iservi u mhux biex ikun servut, jagħżel għalih dak li twarrab id-dinja. Kemm hija sejra żmerċ id-dinja tal-lum: il-Mulej bix-xena tal-presepju jrid jurina r-raġuni għaliex fostna naqset tant il-paċi u r-rispett, naqas tant l-ispirtu ta’ fraternità u għajnuna b’umiltà lil xulxin, u allura għaliex żdied tant il-ġlied, mibegħda, dwejjaq, għejra u dak kollu li qiegħed inawwar is-soċjetà tagħna li hija kapaċi ħafna tagħmel presepji iżda qajla tieqaf u tirrifletti fuq din il-ġrajja tal-ġrajjiet.
Mulej, Int l-akbar rigal li qatt ingħatalna; għinna u iftħilna moħħna u qalbna biex nifhmu l-misteru ta’ din il-ġrajja, għinna biex nersqu lejk bl-umiltà u sempliċità biex tkun int li tkebbes f’qalbna dik l-imħabba li tant aħna neqsin minnha u li int biss tista’ tnissel fina, biex hekk il-lum ukoll l-anġli ikantaw “Glorja ’l Alla fl-għola tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”. Ammen.


