top of page

Festa ta'San Pietru u San Pawl (l-Imnarja) - Sena Ċ

ree

Il-ktieb ‘The days of the Martyrs’, miktub minn C. Bernard Ruffin, jirrakkonta l-istorja mdemmija tal-bidu tal-Knisja, minn meta l-appostli niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu sa meta fis-sena 313 W.K. seħħ dak li hu msejjaħ l-Edit ta’ Milan li ġab għall-ewwel darba r-rikonċiljazzjoni bejn l-Imperu Ruman u l-Knisja Kattolika. F’dan il-ktieb insibu rakkonti li minn naħa jnikktuk għall-ħruxija murija ma’ dawk li l-uniku ħtija tagħhom kienet li huma nsara u jemmnu f’Alla wieħed u f’Ġesù Kristu Alla magħmul bniedem. Minn naħa l-oħra tgħaġġbek il-fidi li wrew dawn l-insara anke quddiem ħruxijiet tant kbar. Mhux ta’ b’xejn li fil-bidu tal-Knisja ma kienx hemm distinzjoni bejn qaddis u martri; infatti l-martri kien il-qaddis u l-qaddis kien il-martri. Lanqas kien hemm xi proċess twil li jistudja l-ħajja qaddisa ta’ dawk li eventwalment jiġu ddikjarati qaddisin bħal-lum, iżda jekk wieħed kien imut martri kien jiġi meqjum bħala qaddis: il-martirju, jiġifieri li wieħed imut għall-Ġesù, kien meqjus l-aqwa dikjarazzjoni tal-qdusija tal-persuna.


Huwa nteressanti iżda kif jispiċċa dan il-ktieb: fl-aħħar tiegħu l-awtur jgħidilna li għad li kienu ħafna eluf li ġew maqtula għall-fidi tagħhom fl-ewwel sekli tal-Knisja u anke f’sekli oħra, iżda s-sekli li fih ġew maqtula l-aktar nies minħabba l-fidi tagħhom huwa s-seklu għoxrin. Dan jikkonfermah il-fatt li l-Papa Ljun 14 għadu kemm iddikjara martri aktar minn 170 vittma tar-rivoluzzjoni Spanjola li ġew maqtula bejn is-snin 1936 u l-1938: dawn kollha ġew maqtula b’riżultat ta’ mibegħda lejn il-Fidi Kattolika.


Illum qed ningħaqdu mal-Knisja Kattolika kollha fid-dinja biex niċċelebraw il-martirju tal-akbar żewġ appostli, jiġifieri ta’ San Pietru li skont it-tradizzjoni ġie maqtul billi sallbuh rasu l-isfel peress li huwa qal lil dawk li kienu qed joqtluh li ma jistħoqqlux li jmut bħall-Imgħallem tiegħu, u dak ta’ San Pawl li qatgħulu rasu. Dawn iż-żewġ appostli t-tnejn irċevew il-martirju f’Ruma u skont it-tradizzjoni wkoll, x’aktarx li kienu spiċċaw fil-ħabż flimkien. Huma ġew midfuna f’Ruma, wieħed fejn illum hemm il-Bażilika ta’ San Pietru u l-ieħor fejn illum hemm il-Bażilika ta’ San Paolo fuor le mura.


Tiġi weħeda l-mistoqsija: xi skoprew tant straordinarju dawn fil-Fidi tagħna hekk li kienu lesti li jagħtu ħajjithom għaliha? L-ewwel net irridu ngħidu li dawn kienu bnedmin bħalna: dan jidher ċar fil-kitbiet li ħallewlna l-appostli u d-dixxipli tagħhom fit-Testment il-Ġdid, fejn juruna biċ-ċar li kellhom difetti bħalna. Lanqas ma nbidlu dritt malli ltaqgħu ma’ Ġesù u saru dixxipli tiegħu; kien meta rawh wara l-qawmien tiegħu u rċevew l-Ispirtu s-Santu li huma mbidlu mil-lejl għan-nhar. Il-kelma dixxiplu tfisser li wieħed jibni ħajtu fuq il-passi ta’ dak li jkun jimxi warajh. Allura għad-dixxipli, l-aktar ħaġa mportanti f’ħajjithom saret li jsiru dejjem aktar jixbħu lilu, u din baqgħet l-aktar ħaġa mportanti għalihom ħajjithom kollha, sal-mewt.


It-tieni dawn d-dixxipli ta’ Ġesù insejħulhom ukoll appostli: il-kelma appostlu hija wkoll kelma ġejja mill-grieg tat-Testment il-Ġdid u tfisser xi ħadd mibgħut fuq missjoni. U x’kienet il-Missjoni tal-appostli? Huma jiddedikaw ħajjithom biex iwasslu lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu lid-dinja. Ta’ dan ħadd ma ħallashom, anzi sabu min jippersegwitahom, u fl-aħħar anke min joqtolhom għal dak li emmnu fih. Għal min ma jemminx dawn huma l-akbar imġienen tad-dinja, għal min jemmen dawn huma l-pedament tal-fidi tagħna għaliex mhux biss esperjenzaw lil Ġesù direttament, mhux biss xandruh b’ħilithom kollha, iżda kienu wkoll lesti li jmutu għalih. Mhux ta’ b’xejn li l-komunità nisranija qatt ma waqfet tfaħħar ’l Alla fil-Festi tagħhom. Nistaqsu lilna nfusna: xi tfisser għalija l-Fidi? X’post għandha f’ħajti?


Nitolbuk Mulej tagħtina l-grazzja tiegħek biex bħall-appostli tiegħek npoġġu l-Fidi fl-ewwel u l-aktar post importanti f’ħajjitna, u biex qatt ma nieqfu fil-mixja tagħna biex insiru nixbħu lilek dejjem aktar kif għamlu huma. Ammen

bottom of page