top of page

Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena Ċ

Updated: May 31


ree

L-Isqof Fulton Sheen darba waħda, b’mod profetiku qal, li l-Knisja tal-futur ser tkun ittentata l-

aktar mill-ispirti ħżiena tal-firda u qtigħ ta’ qalb. Dak li ħabbar Fulton Sheen qiegħed tassew

iseħħ fi żmienna. Wieħed ma jistax iħobb lill-Mulej u l-Knisja tiegħu u ma jħossx għafsa ta’

qalb x’ħin jara li anke fil-Knisja, il-komunità ta’ Ġesù, jeżistu l-firdiet u t-tentazzjoni għall-

qtigħ ta’ qalb.


Fl-ewwel qari smajna lil Pawlu u Barnaba, ‘jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex

jibqgħu fil-fidi,’ u jżidu li ‘jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla.’ Xi darba

żgur li smajna l-espressjoni bl-ingliż ‘no pain no gain’: il-bniedem ma jista’ jasal għal xejn sabiħ

u tajjeb fil-ħajja mingħajr is-sagrifiċċju u t-tbatija. Dan il-kliem ma jgħoddx biss għal fejn tidħol

il-ħajja ta’ fidi iżda għal kull aspett tal-ħajja umana: il-bniedem li jistenna li l-ħajja ser tiġih

kollha ward u zahar huwa bniedem destinat li jaqta’ qalbu u jgħix diżappuntat. Il-ħajja nisranija

ma hijiex faċli, iżda n-nisrani ma għandu qatt jaqta’ qalbu. San Ġorġ Preca kien jgħid li ‘l-qtigħ

ta’ qalb qatt ma jiġi min Alla, dejjem tentazzjoni tax-xitan’. L-aqwa arma kontra l-firdiet u l-

qtigħ ta’ qalb huma t-talb u s-sawm kif smajna wkoll fl-ewwel qari.


Ġesù fl-evanġelju jgħid, ‘Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa’. It-triq li kellha twassal għall-

glorifikazzjoni ta’ Ġesù kienet dik tas-salib. Allura n-nisrani ma jistax isir jixbaħ lil Ġesù

mingħajr is-salib. Huwa s-salib li jwassal għall-ġlorja. Is-salib huwa wkoll skola ta’ mħabba

vera, dik l-imħabba li jistedinna għaliha Ġesù. ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli

tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom’. Is-salib huwa l-aqwa espressjoni ta’

mħabba u wkoll skola ta’ din l-imħabba. Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: lilna kif jagħrfuna li

aħna nsara? Ġesù jgħidilna ċar u tond li d-dixxipli veri tiegħu jintagħrfu mill-imħabba ta’

bejniethom. Kemm għandna bżonn din il-ħaġa nżommuha quddiem għajnejna, għaliex faċli

jiġrilna li għalina l-ħajja nisranija tkun tfisser ħafna affarijiet oħra, iżda ninsew jew

nittraskuraw dak li Ġesù qed jgħidilna li huwa l-essenzjali.


San Ġwann fit-tieni qari tal-lum jgħidilna li s-salib mhux għal dejjem. ‘Hu jixxuttalhom kull

demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija

ma jkun hemm iżjed.’ Ġesù jgħallimna li jekk miegħu nbatu u nħobbu, miegħu ukoll għad

ngħixu għal dejjem, hemm fejn hemm biss imħabba, ferħ, hena, u tgawdija t’Alla għal dejjem.

Ix-xitan jipprova jagħmel minn kollox biex jaljenana minn dan id-destin tagħna, u

sfortunatament huma ħafna li jaqgħu fix-xibka tiegħu, huma ħafna dawk li jagħżlu li jgawdu l-

mument prezenti u jinsew dak li jibqa’ għal dejjem: in-nisrani veru jżomm ħarstu fissa fuq

Ġesù, għax jaf li ż-żmien ta’ issa jgħaddi malajr, u miegħu jgħaddi dak kollu li huwa ta’ din id-

dinja, dak li jibqa huwa Alla u l-imħabba vera.


Mulej Ġesù inti dejjem magħna, iżda l-aktar meta fil-ħajja ngħaddu minn xi wied

mudlam. Għinna ħalli qatt ma nċedu għall-qtigħ ta’ qalb, iżda bi mħabba u tama

nistennew sa ma ningħaqdu miegħek fil-ġlorja tal-Missier għal dejjem.

bottom of page