Ir-4 Ħadd tal-Għid – Sena Ċ
- Fr. Edward Vella
- May 11
- 2 min read

Kull wieħed u waħda minnha jeħtiġilna nagħmlu bosta għażliet matul ħajjitna, iżda mhux l-għażliet kollha huma tal-istess importanza. Żgur li waħda mill-aktar għażliet importanti f’ħajjitna hija dik tal-istat tagħna, jew karriera. Dan il-Ħadd huwa ddedikat għal talb għall-vokazzjonijiet. X’inhi vokazzjoni u x’differenza hemm bejn vokazzjoni u karriera?
Il-kelma vokazzjoni tfisser sejħa. Min tabilħaqq jemmen f’Alla jemmen ukoll li daqs Alla ħadd ma jafu, lanqas hu stess ma naf lili nnifsu daqs kemm jafu Alla; aħna niftakru ftit mill-passat tagħna, nafu xi ħaġa mill-preżent u l-futur huwa għal kollox moħbi minna. Barra minn hekk naħseb li kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu li aħna misteru għalina nfusna. Allura żgur li ħadd ma jafna daqs Dak li xejn mhu moħbi minnu, iżda mhux biss, ħadd ma jħobbna daqsU. L-imħabba umana, tkun kemm tkun kbira, tibqa’ dejjem imħabba limitata, fraġli u suġġetta għall-iżbalji. Ma nistgħux ngħidu l-istess għall-imħabba ta’ Alla. Allura min irid il vera ġid għalih innifsu, għal uliedu u għal min iħobb ma jistax ma jdaħħalx ’l Alla fin-nofs fejn tidħol l-għażla tal-istat jew aħjar vokazzjoni tiegħu. Nistgħu ngħidu wkoll li karriera u vokazzjoni jistgħu jirreferu għall-istess ħaġa; per eżempju li wieħed isir tabib, iżda fil-waqt li meta ngħidu karriera l-għażla jagħmilha l-individwu, meta nitkellmu minn vokazzjoni nitkellmu minn risposta għal sejħa li jagħmel Alla. Jekk daqs Alla ħadd ma jafni u ħadd ma jħobbni, allura dak li jsejjaħli għalih HU żgur li hu tal-akbar ġid għalija u għal ħafna oħrajn permezz tiegħi.
Illum iżda qegħdin nitolbu b’mod speċjali għall-vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u missjunarji. Fl-ewwel qari tal-lum rajna li Pawlu u Barnaba kienu qed ixandru l-Kelma. Il-Mulej kien sejħilhom biex jimxu warah, iżda wkoll biex jibgħathom bħala appostli. Dan ma jfissirx li għalihom kien kollox ward u żahar, iżda huma ma qatgħux qalbhom u minn dak li għall-bidu deher bħala telfa, għaliex ħafna mill-Lhud mhux biss ma aċċettawhomx huma iżda wkoll fixkluhom kemm felħu, Alla ħareġ ħafna ġid, għaliex huma daru fuq il-paġani li laqgħu l-Kelma b’ferħ kbir.
‘In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja... U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem’. Ejjew nitolbu, u mhux biss illum, li jkunu ħafna dawk li jisimgħu leħen ir-Ragħaj il-Kbir tagħna u jimxu warah biex hekk ikunu ħafna dawk li jsibu t-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem.
Nitolbuk Mulej Ġesù biex tkompli ssejjaħ ħafna biex jimxu warajk bħala saċerdoti, reliġjużi u missjunarji. Mulej inti taf li, b’mod speċjali fi żmienna, mhuwiex faċli li xi ħadd iħalli kollox biex jimxi warajk, għalhekk nitolbuk ħafna għal dawk li qed issejjaħ biex ma jaqtgħux qalbhom u biex jemmnu li inti tista’ tagħtihom dak li ma tistax toffrilhom id-dinja jiġifieri il-paċi tal-qalb, ħajja bis-sens iżda mhux mingħajr slaleb, u fuq kollox il-ħajja ta’ dejjem lilhom, u lil ħafna oħrajn permezz tagħhom. Ammen