top of page

Ir-4 Ħadd tar-Randan – Sena Ċ


ree


X’inhi l-aktar ħaġa mportanti fil-Fidi tagħna? Li tmur il-Knisja, titlob, tgħix ħajja tajba? Dawn kollha importanti pero l-aktar ħaġa importanti hija li tkun konvint li ALLA JĦOBBOK. Infatti jekk dak kollu li nagħmlu fil-fidi tagħna ma jservix biex nikbru dejjem aktar fil-konvinzjoni li Alla jħobbna ftit ikun jiswa. Fl-Evanġelju tal-lum, l-evanġelista Luqa jurina li Alla huwa Missier mimli ħniena lejna uliedu minkejja li ħafna drabi aħna ngrati lejh.


Biex nifhmu din il-parabbola rridu nifhmu min kienu l-Fariżej u l-Kittieba u min kienu l-pubblikani u l-midinbin. Il-Fariżej u l-Kittieba kien l-aktar klassi għolja fis-soċjetà Lhudija; il-Fariżej kienu grupp ta’ rġiel ultra-konservattivi li ħatfu f’idejhom il-poter reliġjuż u kienu jippretendu li huma perfetti, filwaqt li l-Kittieba kienu l-esperti tal-liġi u minħabba l-fatt li fis-soċjetà Lhudija ma kienx hemm distinzjoni bejn dak li huwa reliġjuż u dak li huwa ċivili dawn kienu wkoll responsabbli minn dokumenti pubbliċi, speċi ta’ nutara. Dawn iż-żewġ gruppi, minħabba il-pożizzjoni tagħhom, kellhom ħafna poter u kienu jħossuhom il fuq mill-bqija tan-nies u mhux l-ewwel darba li spiċċaw f’konflitt ma’ Ġesù.


Fuq in-naħa l-oħra tas-soċjetà Lhudija issib lill-Pubblikani u l-midinbin. Il-Pubblikani kienu rġiel li x’aktarx iħobbu jintogħġbu mal-awtoritajiet għall-vantaġġi tagħhom, u għalhekk kienu tħabbu mal-imperu Ruman li kien okkupa l-art ta’ Iżrael fis-sena 63 Q.K. Huma kienu wkoll jaħdmu għall-imperu billi jiġbru t-taxxi minn għand sħabhom il-Lhud. Minħabba f’hekk il-Lhud kienu jobogħduhom għaliex mhux biss kienu tħabbu mal-għedewwa tagħhom ir-Rumani, iżda wkoll kienu jiġbrulhom it-taxxi u meta jagħmlu dan jisirquhom kemm jifilħu. Il-midinbin huma l-midinbin publiċi; fis-soċjetà Lhudija miskin hu min kien jinqabad jikser il-liġi fil-beraħ għaliex kien jispiċċa n-nagħġa s-sewda; eżempju ta’ dan fil-vanġelu nsibu lill-adultera.


Ġesù jiġi kkritikat mill-Fariżej u l-Kittieba li huwa jfittex il-kumpanija tal-Pubblikani u l-midinbin, u jiekol magħhom. U r-risposta ta’ Ġesù għal din il-kritika kienet billi qalilhom 3 parabboli li nsibu fil-kapitlu 15 tal-evanġelju skont San Luqa: in-nagħġa l-mitlufa, id-drakma l-mitlufa, u tal-Missier u ż-żewġ uliedu li għandna fl-Evanġelju tal-lum.


Interessanti ħafna f’din il-parabbola li ma tissemmiex l-omm. Rembrandt, pittur ta’ fama kbira, pitter ix-xena tal-missier li qiegħed jilqa’ lura l-iben iż-żgħir wara li rritorna għandu, u jagħtiha interpretazzjoni tassew sabiħa. F’din il-pittura jidħru ċari idejn il-missier qiegħed jgħannaq lil ibnu, u jekk wieħed jinnota sew, idejn il-missier huma differenti; infatti id waħda hija ta’ raġel u l-id l-oħra hija ta’ mara. X’ried ifisser b’dan? Huwa ried ifisser li l-imħabba t’Alla lejna tixbaħ kemm lil dik ta’ missier lejn uliedu, kif wkoll dik tal-omm. Infatti anke fil-Bibbja nsibu diversi drabi lill-imħabba t’Alla lejna mxebbħa ma’ dik tal-omm.


Il-missier tal-parabbola għandu żewġ ulied li t-tnejn li huma ma fehmux l-aktar ħaġa importanti, jiġifieri li hu jħobbhom. Iż-żgħir, żgħażugħ ribelli, iġagħlu jagħtih il-wirt u jitlaq il-bogħod mid-dar biex missieru ma jindaħallux aktar u il-bogħod itajjar ġidu kollu f’ħajja mħarbta. Iżda x’ħin jitbattlu bwietu d-dinja ma daħqitlux aktar u spiċċa jirgħa l-ħnieżer, l-agħar xogħol immaġinabbli għal-Lhudi għaliex għalihom il-ħanżir hu annimal imniġġes. Saħansitra kien jixtieq jimla żaqqu b’dak li kienu jieklu l-ħnieżer u ħadd ma jien jagħtih. Dan kollu jrid jurina f’liema miżerja jaqa’ l-bniedem li jitbiegħed minn Alla. X’ħin mess il-qiegħ, ġie f’sessih u beda jaħseb li anke l-ħaddiema ta’ missieru aħjar minnu, tal-anqas għandhom x’jieklu. Min jaf missieru hux lest li jilqgħu bħala ħaddiem beda jaħseb? Hu ddeċieda li jirritorna għand missieru. Missieru iżda, li kien ilu jistennieh u jittama li jiġi lura, rah x’ħin kien għadu l-bogħod, b’ġirja waħda mar fuqu u beda jgħannqu. Kif l-iben beda l-istqarrija ta’ dnubu li min jaf kemm kien ilu jaħseb x’ser jgħid forsi missieru jħenn għalih, il-missier ma ħallieħx jispiċċa. Huwa beda jagħti l-ordnijiet lill-qaddejja biex ipoġġulu ċ-ċurkett f’sebgħu, is-sandli f’riġlejh u jġibu l-isbaħ libsa u jxidduhielu. Il-missier kien ferħan ser itir, l-iben li kien tilef issa reġa akkwistah lura. Huwa kien jaf li min tilef kollox il-kliem ma hu qatt biżżejjed biex turih li tħobbu, huma ażżjonijiet konkreti biss li jistgħu jikkonvinċuh. Qatt ma kien ser jaċċettah lura bħala qaddej, huwa riedu lura bħala ibnu l-għażiż. U allura jagħmel l-akbar festa lil dan ibnu li reġa għandu qawwi u sħiħ.


It-tifel l-kbir inżerta qiegħed l-għalqa. Meta ġie lura sab li l-festa kienet diġa bdiet, u wara li staqsa x’kien ġara, ma riedx jidħol għax ħa għalih. Il-missier jerġa joħroġ din id-darba biex jilqa’ lit-tifel l-kbir. Dan kif ra lil missieru ma ħallieħx jitkellem iżda beda bl-akkuża tiegħu kontrih u kontra ħuh. Ninnutaw li lill-missieru ma sejjaħlux missier u għal ħuh ma qalx ħija iżda ‘dan ibnek’. Mhux hekk nagħmlu aħna meta niġġieldu, inkunu rridu ngħidu ‘jien ma rridx ikolli x’naqsam magħkom’.


L-aħħar tal-parabbola fl-opinjoni tiegħi huwa l-isbaħ; innutaw l-ewwel kelma li jgħidlu l-missier lill-iben il-kbir, ‘Ibni’, u x’ħin jirreferi għal ħuh jgħidlu, ‘għax dan ħuk’. Kemm hi sabiħa din l-immaġni tal-Missier li jerġa jibni l-pontijiet li nkunu ġarrafna aħna, l-idea ta’ Alla li dejjem ifittex li jilqagħna lura; kemm kultant aħna aljenati u ma nintebħux kemm iħobbna. Int konvint li Alla jħobbok? Forsi llum, kollha kemm aħna, għandna bżonn nisimgħu mill-ġdid il-vuċi tal-Missier issejħilna, ‘IBNI/BINTI...’


Mulej Ġesù, kemm tassew inħossu l-bżonn li ngħidulek grazzi llum għall-Kelma tiegħek. Kemm timliena bil-ferħ u l-kuraġġ. Int biss stajt tirrivelalna l-qalb kollha ħniena tal-Missier. Għinna ħalli ma nagħlqux qalbna għal din l-imħabba, għaliex hija biss din l-imħabba li timlielna l-qalbna, li tagħti sens lill-ħajjitna u fuq kollox hija biss it-teżor uniku li ħadd u xejn ma jeħodhulna, lanqas il-mewt. Ammen.

bottom of page