Is-6 Ħadd tal-Għid – Sena Ċ
- Fr. Edward Vella
- May 25
- 2 min read

Waħda mill-problemi kbar li jħabbat wiċċu magħha l-bniedem hija dik tan-nuqqas ta’ ftehim. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu u kulħadd jaħseb li tiegħu hija l-aħjar waħda. Iżda kif jgħid il-malti, ‘vapur b’żewġ kaptani ma jimxix’, u jekk grupp ta’ nies ma jasalx għal xi ftehim, minkejja l-opinjonijiet differenti, ma jasal imkien. Forsi fi żmienna din il-problema tinħass aktar.
Anke l-Knisja sa mill-bidu kellha tħabbat wiċċha ma’ opinjonijiet differenti. Kif smajna fl-ewwel qari tal-lum, fil-Knisja tal-bidu kienet qamet kwistjoni serja; meta bdew jitgħammdu l-paġani, xi nsara Lhud bdew jinsistu li dawn għandhom josservaw il-liġi ta’ Mosè wkoll u għalhekk jeħtiġilhom jirċievu ċ-ċirkonċiżjoni. Pawlu u Barnaba ma qablux ma’ dan u għalhekk intbagħtu għand l-appostli l-oħra biex jiddiskutu din il-problema. Id-deċiżjoni li kellha ssir kienet waħda importanti ħafna għaliex fl-aħħar mill-aħħar kienet tfisser jekk l-insara kellhomx ikunu fergħa tal-Ġudajiżmu jew jekk kellhomx ikun Fidi u Reliġjon li toħroġ mill-Ġudajiżmu iżda li tkun totalment separata minnu. L-appostli flimkien ddeċidew li s-salvazzjoni niksbuha biss permezz ta’ Ġesù, u għalhekk wieħed ma għandux għalfejn josserva l-liġi ta’ Mosè biex isalva. Qalulhom biss biex iħarsu xi drawwiet b’rispett lejn l-insara Lhud.
Huwa mportanti li wieħed jifhem x’inhi d-differenza bejn il-liġi ta’ Mosè u l-liġi ta’ Alla. Il-liġi ta’ Alla huma l-10 kmandamenti, filwaqt li l-liġi ta’ Mosè kienu liġijiet oħra li Mosè kien beda jagħti lill-poplu t’Alla biex jgħinhom jgħixu aħjar il-liġi t’Alla. Maż-żmien il-Lhud baqgħu jżidu ma’ dawn il-liġijiet, u saħansitra xi liġijiet li għamlu kienu f’kontradizzjoni mal-ispirtu tal-liġi ta’ Alla stess. Ġesù kemm-il darba kellu kwistjonijiet mal-fariżej fuq dawn il-liġijiet.
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi.” Dan qalilna Ġesù fl-evanġelju tal-lum. L-imħabba lejn Ġesù ma għandiex tkun biss bil-kliem iżda billi wieħed jisma’ l-Kelma tiegħu, jifhimha sew u jgħixha. Biex nifhmu l-Kelma ta’ Ġesù sew, u mhux kif jaqblilna aħna, Ġesù ħallielna l-Knisja li l-missjoni tagħha hija li tevanġeliżża. Għalhekk min tassew iħobb lil Ġesù jeħtieġlu l-Kelma tiegħu jifhimha fil-kuntest tal-Knisja u mhux maqtugħ minnha. ‘Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.’ Min iħobb lill-Mulej u għalhekk jisma’ u jgħix il-Kelma tiegħu fil-komunità li temmen, isib il-paċi vera, dik il-paċi tal-qalb li d-dinja ma tistax tagħtihielna. Nistaqsu lilna nfusna: Jien inħossni parti mill-Knisja ta’ Ġesù? Jekk iva, xi jfisser għalija li jien parti minnha?
Mulej Ġesù int waqqaft il-Knisja biex tkompli l-missjoni tiegħek fuq l-art, u lilna sejjaħtilna, mingħajr ma jistħoqqilna biex inkunu parti minnha. Għinna ħalli nifhmu li bħala komunità jeħtiġilna li nkunu magħqudin bejnietna fl-imħabba jekk irridu li nkunu tabilħaqq xhieda awtentika ta’ dak li nxandru. Ammen.