Is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes tal-Mulej – Sena Ċ
- Fr. Edward Vella
- Jun 22
- 2 min read

F’Ġunju tas-sena 1997 kelli x-xorti niltaqgħa ma’ Santa Tereża ta’ Kalkutta jew kif nafuha aħna Mother Teresa. Kien biss xi xaharejn qabel mietet, u kienet ġiet Ruma: niftakar kien hemm quddiesa ġo waħda mill-knejjes kbar ta’ Ruma li għaliha kienet preżenti din il-mara sempliċi u qaddisa. Kien hemm ħafna nies, mhux biss minħabba l-quddiesa iżda wkoll biex jaraw anke jekk mill-bogħod, lil din il-mara li bl-għażliet tagħha irnexxiela toffri sfidi kbar lid-dinja kollha. Niftakar li wara l-quddiesa kelli x-xorti neħdilha b’idejha u qaltli xi ħaġa sempliċi. Nistqarr magħkom li nsejt x’qaltli iżda bqajt dejjem niftakar wiċċha li tant impressjonani: impressjonani għaliex għad li kien wiċċ ta’ mara anzjana ta’ 87 sena, u allura s-sinjali taż-żmien kienu jidhru qawwiha fih, iżda kien wiċċ sabiħ, ħa ngħid wiċċ tal-ġenna. Qatt ma nsejt u nittama li qatt ma ninsa din l-esperjenza.
Nimmaġina li kull wieħed u waħda minna fil-memorji tagħna għandna l-esperjenzi ta’ meta ltqajna ma’ xi persuna famuża u ‘importanti’ fil-passat tagħna. Quddiem persuni bħal dawn, lkoll kemm aħna nħossuna differenti u żgur li wrejna rispett kbir lejn dawk li f’qalbna għandhom post speċjali. Żgur li noqgħdu attenti kif nitkellmu u kif inġibu ruħna.
Illum qegħdin niċċelebraw festa għażiża ħafna għalina, jiġifieri dik ta’ Ġesù Ewkaristija. Naħseb li kull wieħed minna għandu bżonn jagħmel mistoqsija mportanti ħafna lilu nnifsu: jien nemmen tabilħaqq li fil-ħobż u l-inbid ikkonsagrati hemm il-preżenza vera ta’ Ġesù, bil-ġisem, bid-demm, bir-ruħ, u bid-divinità, veru Alla u veru bniedem? L-imġieba tiegħi kif nidħol fil-knisja u kif inġib ruħi fil-knisja x’turi? Kemm nuri rispett lejn mhux bniedem ‘speċjali’, imma lejn Alla x’ħin ngħaddi minn quddiem it-tabernaklu u x’ħin nirċevih?
L-Ewkaristija hija l-aktar sagrament importanti, iżda hija wkoll stil ta’ ħajja. Fl-Ewkaristija niltaqgħu verament u nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù, l-akbar ħabib tagħna li hu Alla, iżda wkoll l-Ewkaristija tfisser stil ta’ ħajja mimli mħabba, fejn kif Ġesù jingħata għalina fuq is-salib u permezz ta’ dan is-sagrament, aħna ningħataw lill-oħrajn. L-Ewkaristija hija fuq kollox sagrament ta’ tama, it-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Hija s-sagrament li jagħtina u jesprimi fl-istess ħin il-fidi/fiduċja tagħna li għax Ġesù bil-qawmien tiegħu rebaħ fuq il-mewt, allura t-tajjeb, l-imħabba, il-grazzja u il-ħajja huma ġa, sa minn issa, rebbiħin fuq il-ħażen tad-dinja, u allura aħna wkoll jekk ningħaqdu ma’ Ġesù permezz ta’ dan is-sagrament, aħna wkoll qed nissieħbu f’din ir-rebħa tiegħu għal dejjem. Jekk verament nemmnu dan, l-Ewkaristija għandha tkun motiv ta’ veru ferħ fil-ħajja tagħna.
Ġesù llum ma’ San Ġorġ Preca nixtiequ ngħidulek, ‘Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla’. Grazzi ta’ dan is-Sagrament tal-għaġeb u aħfrilna talli ma napprezzawx biżżejjed dan ir-riġal li qed toffrilna; agħtina l-grazzja li nduqu l-benna tiegħek kif jgħidilna s-Salm, ‘Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej’. Ammen.