top of page

It-2 Ħadd tal-Għid – Sena Ċ


Xi jfisser l-Għid għalik? Kemm iġib ferħ f’qalbek dan iż-żmien ta’ grazzja? Jekk le jfisser li għadek ma aċċettajtx f’ħajtek l-akbar rigal ta’ Alla l-Missier li huwa Ġesù rxoxt. Huwa f’Ġesù rxoxt li aħna ngħaddu mill-mewt għall-ħajja. Il-kelma mewt hawn ma aħniex nifhmu biha l-mewt tal-ġisem iżda tfisser li wieħed jitlef ’l Alla għal dejjem, din hi l-vera mewt. Il-mewt tal-ġisem hija biss passaġġ minn din il-ħajja bil-problemi u l-uġigħ tagħha għal ħajja fejn hemm biss il-paċi u l-ferħ li jibqgħu għal dejjem. Dan il-passaġġ nistgħu nagħmluh biss permezz ta’ Ġesù mqajjem mill-mewt.


Li ma’ Ġesù aħna wkoll ngħaddu mill-mewt għall-ħajja ma jfissirx biss li mmorru l-ġenna wara li mmutu għal din id-dinja; aħna f’din il-ħajja nistgħu ngħixu l-mewt jew ngħixu l-ħajja. Dan ifisser li jekk aħna norbtu qalbna ma’ dak li hu ta’ din id-dinja u nagħmluh alla tagħna aħna nkunu ngħixu l-mewt għax il-ferħ u s-sens ta’ ħajjitna nkunu norbtuh ma’ xi ħaġa li nafu li llum jew għada rridu ninfirdu minnha. Minn naha l-oħra jekk aħna l-ewwel post f’ħajjitna jkun biss ta’ Alla, jekk aħna nagħżlu lil Ġesù l-ewwel u qabel kollox, jekk naċċettaw l-akbar rigal li qatt ngħatalna li huwa Kristu mqajjem mill-mewt, allura nkun ngħixu l-ħajja għaliex l-ferħ tagħna jew aħjar l-paċi tal-qalb ħadd ma jkun jista’ jeħodhielna, lanqas il-mewt. ‘Tibżax! Jien hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Post il-Mejtin.’ Dan huwa l-kliem ta’ San Ġwann fit-tieni qari tal-lum.



Fl-ewwel qari tal-lum, naraw li l-qawwa ta’ Ġesù issa qegħda taħdem fl-appostli. ‘Bis-saħħa tal-appostli kienu jsiru ħafna sinjali u mirakli fost il-poplu...’. Dak Pietru li qabel kien jibża minn dellu u li ċaħda lil Ġesù għal tliet darbiet, issa huwa mimli bl-Ispirtu ta’ Ġesù tant li ħafna morda kienu jixtiequ li ‘xħin jgħaddi Pietru, jaqa’ mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom’ għax dan kien biżżejjed biex huwa jfiq. Ġesù ried li l-qawwa tiegħu rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub tasal sa truf l-art u sal-aħħar taż-żmien, għalhekk waqqaf il-Knisja. Sa mill-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu Huwa wera biċ-ċar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan b’mod speċjali meta sejjaħ lid-dixxipli li minnhom għażel tnax li semmihom appostli u li mill-appostli għażel lill-Pietru biex ikun l-kap tal-Knisja. Allura aħna ma nistgħux ngħażlu lil Ġesù mingħajr il-Knisja.



Lill-Knisja Ġesù taha l-għodda meħtieġha biex twettaq il-ħidma tagħha. L-aqwa għodda li taha hija l-Kelma tiegħu u s-sagramenti. Allura jekk xi ħadd jgħid li ma hemmx għalfejn tmur tqerr biex jinħafrulek dnubietek, tajjeb li jirrifletti ftit fuq dak li qal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, ‘Is-sliem għalikom!... Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”. Ġesù rabat il-paċi vera mal-maħfra tad-dnubiet; ma kienetx il-Knisja li tat lilha nnifisha s-setgħa li taħfer id-dnubiet iżda kien Ġesù li taha din is-setgħa. Għalhekk iva biex jinħafru dnubiet gravi wieħed jeħtieġlu jqerr jekk dan ikun possibli għalih.



Hekk ukoll issib min jgħid li ma għandux bżonn imur il-knisja biex jitlob għax dan jista’ jagħmlu minn daru. Interessanti li Tumas, għax ma kienx ma’ sħabu l-oħra meta dehrilhom Ġesù, ma setax jemmen fil-qawmien mill-mewt. Ma teżistix fidi tal-bniedem waħdu, Ġesù d-don tal-fidi fil-qawmien tiegħu ma jagħtihx lill-individwi weħidhom iżda jagħtih lilna bħala komunità li temmen. Min ma jħossx il-bżonn li jmur il-knisja biex jieħu sehem fl-Ewkaristija għadu ma fehem xejn mill-fidi nisranija. It-talb ta’ waħidna jew fi ġruppi huwa mportanti ħafna iżda dan qatt ma għandu jkun separat mill-quddiesa u jrid iwassal għaliha.



Mulej Ġesù, int li għall-imħabba tagħna aċċettajt ir-rieda tal-Missier li tbati u tmut għalina fuq is-salib, iżda għax int Alla kellek is-setgħa li tagħti ħajtek u li terġa teħodha; nitolbuk saħħaħna fil-fidi fik li qomt mill-mewt, biex qatt ma naqtgħu qalbna quddiem il-ħażen li naraw fina u madwarna, iżda ngħixu bik u għalik għal dejjem.

bottom of page