top of page

It-3 Ħadd tal-Għid – Sena Ċ


ree

Naħseb li lkoll kemm aħna għaddejna mill-esperjenza li nqasna lil xi ħadd, u x’ħassejna wara meta ltqajna miegħu għall-ewwel darba. Hekk ħassu Pietru wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt; min jaf kemm għewden u qal, bejnu u bejn ruħu; ‘x’ser jiġri issa, jibqa’ jħobbi, jaħfirli, fuq kollox jibdel il-ħsieb li kien għamel dwar li jafdali t-tmexxija tal-Knisja tiegħu?’ Żgur li Pietru kellu qalbu mtertqa. Biex nifhmu l-evanġelju tal-lum irridu nżommu dan f’moħħna.


Niftakru li ftit jiem qabel Pietru kien, kollu kburi, stqarr li kien lest li jagħti ħajtu għal Ġesù, u dan kien qalu b’onestà, iżda f’mument li fih kien nesa d-dgħufija tiegħu. Ftit siegħat wara, kif kien ħabbarlu Ġesù u hu ċaħad bil-qawwa kollha, ċaħad għal tliet darbiet li jafu. Nimmaġinaw ir-rimors li ħass x’ħin ftakar f’dak li kien wiegħed u fuq kollox x’ħin, kif jgħidilna l-Evanġelista Luqa, Ġesù kienu qed jeħduh għand Kajfa u dar u ħares f’għajnejn Pietru.


Fl-Evanġelju tal-lum, li seħħ ftit jiem biss wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, naraw lil Pietru mifxul u ma jafx x’għandu jaqbad jagħmel, u mtaqqal kif kien bi ħsibijietu, ġieħ f’moħħu li jirritorna lura għall-ħajja ta’ qabel ma ltaqa ma’ Ġesù, jiġifieri s-sajd.


Ġesù jerġa jirrepeti l-miraklu li kien għamel fil-bidu tal-ministeru tiegħU, jiġifieri s-sajda mirakoluża u li f’dik l-okkażjoni, dritt wara, kien sejjaħ lil Pietru biex jimxi waraH. Huwa ċar x’qed jagħmel Ġesù, jiġifieri qiegħed jerġa jibni l-identità tad-dixxipli u l-appostli tiegħu, liema identità kienet ġiet imċajpra meta fil-passjoni u l-mewt tiegħu huma kollha kienu ħarbu, minbarra Ġwanni, u Pietru kien saħansitra ċaħad għal tliet darbiet li jafu. Pietru huwa l-bniedem li jħobb lil Ġesù bi mħabba kbira, u avolja kien ċaħdu, kif sema’ lil Ġwanni jgħid li hu Ġesù, jilbes malajr, u jaqbeż il-baħar għax ma kellux paċenzja jistenna d-dgħajsa tersaq max-xatt, u għalih li kien mar jistad, il-ħut li qabad ma kienux iżjed importanti.


Wara li kollha kienu kielu xi ħaġa, u kienu madwar in-nar jitkellmu, jiġu dawk il-mistoqsijiet il-kbar; “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” Kif setgħa Pietru jgħidlu nħobbok aktar minn dawn? Iżda b’onestà kbira, kif kien ċaħdu għal tliet darbiet, issa jerġa quddiem kulħadd jistqarr għal tliet darbiet li jħobbu u Ġesù jistqarr mill-ġdid għal tliet darbiet quddiem kulħadd, “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Ġesù b’dan il-mod qed ifejjaq il-qalb muġugħa ta’ Pietru u qiegħed jerġa jikkostitwih bħala l-kap tal-Knisja tiegħu. Kemm hu sabiħ dan ir-rakkont u kemm jgħinna nifhmu l-kobor tal-imħabba t’Alla lejna midinbin u dgħajfa bħal Pietru. Ejjew illum nitolbu biex il-Mulej jagħti lill-Knisja tiegħu suċċessur ta’ Pietru skont il-qalb tiegħu: hekk il-Knisja jkollha ragħaj li jressaqha dejjem aktar lejn il-mergħat ta’ dejjem.


Mulej Ġesù, agħtina qalb tixbaħ lil ta’ Pietru, qalb li taċċetta l-iżbalji u d-dgħufijiet tagħha, iżda fuq kollox qalb li tħobbok kif kien iħobbok hu. Għinna biex meta niżbaljaw niftakru li int dejjem taħfrilna, tibqa dejjem tħobbna u fuq kollox qatt ma taqta’ qalbek minna. Ammen.

bottom of page