top of page

It-3 Ħadd tar-Randan – Sena Ċ


Dan li smajna fl-ewwel qari tal-lum, mill-ktieb tal-Eżodu, hija l-ġrajja ta’ Mosè li żgur nafuha: naħseb ftit hawn nies li qatt ma raw il-film famuż ‘The 10 Commandaments’. Mosè li meta kien tarbija kien salvat mill-ilma kif ifisser ismu, meta kiber u sar jaf li huwa ġej minn nisel tal-Lhud li kienu lsira tal-Eġizzjani beda jħoss għat-tbatija ta’ niesu. Fil-bidu pprova jsolvi din il-problema waħdu u bi vjolenza, billi qatel raġel Eġizzjan li kien qiegħed isawwat wieħed Lhudi. L-għada jintebaħ li kien inqabad u kellu jaħrab. Issa l-bogħod minn niesu, u jħossu falliment totali, jaċċetta li jagħmel ix-xogħol ta’ ragħaj. Fil-qari tal-lum, Mosè jsejjaħlu Alla, li issa jibgħatu biex f’Ismu, jiġifieri f’isem Alla, huwa jmur isalva lill-poplu tiegħu. Mosè għall-bidu jġib ħafna skużi biex ma jmurx, iżda mbagħad f’isem Alla jmur, u għad li b’ħafna tbatija, Alla jsalva permezz tiegħu l-poplu ta’ Iżrael.



Interessanti li meta l-poplu ta’ Alla u anke Mosè kienu qatgħu qalbhom għal kollox, ikun Alla nnifsu li jieħu l-inizjattiva biex isalva l-poplu tiegħu. Għalhekk fis-salm weġibna flimkien, ‘Ħanin u twajjeb il-Mulej’. Għax tassew li l-Mulej jinteressa ruħu fina, iħobbna bi mħabba bla qies, saħansitra jagħti ħajtu għalina fuq is-salib. Ta’ dan kollu minna jistenna ħaġa waħda biss, li nħobbu lil xulxin.


Fl-Evanġelju tal-lum jidħer ċar it-twemmin tal-Lhud li kienu jgħidu li ‘Alla lit-tajjeb jagħtih it-tajjeb u lill-ħażin jagħtih l-ħażin’. Għalhekk jekk Pilatu qatel lil dawk il-Galilin li kienu qegħdin joffru s-sagrifiċċju, għal-Lhud dan kien ifisser li Alla kien qiegħed jikkastigahom ta’ xi dnub tagħhom jew tal-antenati tagħhom. Ġesù jkompli billi jsemmi traġedja oħra ta’ dak iż-żmien jiġifieri ‘dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom’, dan ifisser li dawn kienu midinbin aktar minn ħaddieħor? ‘Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda’.



Il-Mulej f’dan ir-Randan qiegħed jagħmlilna stedina speċjali għall-indiema. Jien/int tħoss il-bżonn li tindem? Tħoss il-bżonn li tinbidel? Jekk le x’aktarx li qiegħed f’sitwazzjoni fejn qiegħed tidneb u lanqas qiegħed tintebaħ. L-aktar indiema mportanti għall-Mulej hija fejn tidħol l-imħabba tagħna lejn xulxin. Bħas-siġra tat-tin li ma tagħmilx frott, imsemmija fl-Evanġelju tal-lum, dak li jaħdem l-għalqa li huwa Ġesù, jagħmel minn kollox biex aħna nagħmlu l-frott. Għalhekk jekk aħna ma nagħmlux frott ta’ għemejjel tajba, frott ta’ mħabba ġenwina u maħfra lejn xulxin, dan ikun biss tort tagħna.



San Pawl fit-tieni qari jgħidilna, ‘Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax’. L-aħjar pożizzjoni li jkun fiha n-nisrani hija dik li jħossu li huwa midneb, jew aħjar li għadu ma jħobbx biżżejjed; għalhekk jeħtieġlu jagħmel ħiltu u jitlob ’l Alla jgħinu biex jikber dejjem fl-imħabba għaliex jekk le jkun biss nisrani tal-isem.



Nitolbuk Mulej Ġesù tagħtina l-grazzja li dejjem inħossu l-bżonn li nikkonvertu u li nikbru aktar fl-imħabba lejn xulxin għaliex hekk biss inkunu nistgħu dejjem aktar insiru nixbħu lilek. Ammen.

bottom of page