top of page

Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Lapsi) – Sena Ċ





Riċentament kont nitkellem ma’ raġel li qalli li kien għadda minn esperjenza kiefra fi ġlieda mal-cancer. Huwa qalli li ġieli kien ikun muġugħ ħafna u dak il-ħin kien iħares lejn immaġni ta’ Ġesù msallab u kien jgħidlu, ‘Ġrazzi Mulej talli tajtni skalda mis-salib tiegħek’. Kompla jgħidli li ħaġa tal-għaġeb dak il-ħin kien iħoss paċi kbira u saħansitra l-uġigħ kien donnu jonqos mill-intensita tiegħu.



Meta ser tiġi fi tmiema t-tbatija? Kemm ser indumu nissaportu s-slaleb tal-ħajja? Għal min ma jemminx it-tweġiba hija ‘sal-aħħar’. Għal min jemmen it-tweġiba hija totalment differenti. Għal min jemmen it-tbatija u s-salib idumu biss għall-erba t’ijiem ta’ din il-ħajja li, lkoll nafu, tgħaddi malajr ħafna.



Ġesù llum jurina x’inhu d-destin waħdieni tagħna. Jekk nemmnu fih, u ngħixu Kelmtu darna hija d-Dar tas-Sema, fi ħdan il-Missier tal-ħniena. Fl-ewwel qari rajna li Ġesù wara l-qawmien tiegħu ‘dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba’. Dan hu li jagħmel mix-xhieda tal-appostli, xhieda unika, għaliex huma tabilħaqq rawh wara l-qawmien tiegħu. Huwa wegħdhom l-Ispirtu s-Santu, li jkun għalihom dik l-qawwa meħtieġa biex ixandru l-Evanġelju fost taħbit u persekuzzjonijiet kbar. L-Ispirtu s-Santu jkeċċi minnhom u minna, il-qtigħ ta’ qalb li hija l-aqwa arma li juża kontrina l-ispirtu l-ħażin.



Wara dan Ġesù ikun meħud fis-sema, iżda dan ma jfissirx li huwa jtemm il-preżenza tiegħu fid-dinja. Bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu u permezz tal-Knisja, il-ġisem mistiku tiegħu, huwa issa jniedi preżenza ġdida li permezz tagħha huwa jista’ jkun preżenti f’kull post u żmien. Huwa issa qiegħed ukoll fuq il-lemin ta’ Alla minn fejn jiddefendina quddiem il-Missier, iżda minn fejn ukoll għad irid jerġa jiġi biex jiġġudikana. Quddiem il-fatt li għad niġu ġġudikati lkoll kemm aħna nħossu l-biża, iżda ma ninsewx x’qalilna l-Evanġelju tal-lum, ‘l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha’. Għalhekk aħna rridu nagħmlu ħilitna biex naħarbu d-dnub, iżda jekk nidinbu għandna nersqu lejh għax hu jaħfrilna.



It-tieni qari tal-lum jagħtina l-programm tal-ħajja tan-nisrani: ‘ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi.’ Dan xi jfisser:



- ‘Ġisimna maħsul b’ilma safi’ – nirċievu l-Magħmudija li tgħaqqad ħajjitna ma’ Ġesù.


- Fidi sħiħa fiH li salvana – Ngħixu l-fidi tagħna jiġifieri ngħixu ta’ wlied tal-Missier.


- Ikollna dejjem qalb sinċiera – ma’ Alla, mal-oħrajn u magħna nfusna bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina – Kuxjenza tajba tista’ tiġi ffurmata biss bis-smigħ tal-Kelma t’Alla kif imfissra lilna mill-Knisja.



Nitolbuk Ġesù, int li salvajtna, qiegħed magħna fil-Knisja, u għad trid terġa tiġi; għinna ħalli qatt ma naqtgħu qalbna, iżda b’fidi sħiħa fik u bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek li rċevejna nibqgħu miexja din it-triq li twassalna fi ħdan il-Missier waħdieni tagħna. Ammen.



bottom of page