Ħadd il-Għid - Sena Ċ
- Fr. Edward Vella

- Apr 19
- 3 min read
Updated: May 17

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU MOQRIJA MILL-KARDINAL ANGELO COMASTRI
Fi Pjazza San Pietru - Il-Ħadd tal-Għid, 20 ta’ April 2025
Marija Maddalena, meta rat li l-blata tal-qabar kienet imwarrba, ġriet biex tgħarraf lil Pietru u Ġwanni. Wara li rċevew din l-aħbar xokkanti, iż-żewġ dixxipli wkoll ħarġu u – kif jgħid l-Evanġelju – “it-tnejn bdew jiġru flimkien” (Ġw 20:4). Il-figuri ewlenin tar-rakkonti tal-Għid kollha kienu jiġru! Minn naħa, “li jiġru” jista’ jfisser l-inkwiet li kienu ħatfulhom il-ġisem tal-Mulej; imma minn naħa l-oħra, l-għaġla ta’ Marija Maddalena, Pietru u Ġwanni tesprimi x-xewqa, il-ħerqa tal-qalb, l-attitudni interna ta’ min joqgħod ifittex lil Ġesù. Għax tassew, Hu qam mill-imwiet u għalhekk m’għadux fil-qabar. Irridu nfittxuh band’oħra.
Din hija l-messaġġ tal-Għid: irridu nfittxuh band’oħra. Kristu qam, hu ħaj! M’għadux priġunier tal-mewt, m’għadux mifluġ fil-liżar, u għalhekk ma nistgħux inpoġġuh f’dinja ta’ ħrejjef, ma nistgħux nirduh f’eroj antik, jew naħsbu fih bħala xi statwa f’mużew! Bil-maqlub, irridu nfittxuh – u għalhekk ma nistgħux nibqgħu wieqfa. Irridu nqumu, nibdew infittxuh: infittxuh fil-ħajja, fil-wiċċ ta’ ħutna, fix-xogħol ta’ kuljum, infittxuh kullimkien ħlief fil-qabar.
Irridu nfittxuh bla waqfien. Għax jekk Hu qam mill-imwiet, mela jinsab kullimkien, jgħammar fostna, jinħeba u juri ruħu anke llum f’ħutna li niltaqgħu magħhom matul il-mixja tal-ħajja, fis-sitwazzjonijiet l-aktar ordinarji u mhux mistennija. Hu ħaj u dejjem magħna, jibki mad-dmugħ ta’ min qed isofri u jżid is-sbuħija tal-ħajja permezz ta’ dawk l-għemejjel żgħar ta’ mħabba li kull wieħed u waħda minna jwettaq.
Għalhekk, il-fidi tal-Għid tagħna – li tiftaħna għall-laqgħa mal-Mulej irxoxt u tħejjina biex nilqgħuh f’ħajjitna – mhix xi mistrieħ trankwill f’tip ta’ “konsolazzjoni reliġjuża.” Bil-maqlub, l-Għid jixprunana biex naġixxu, biex niġru bħal Marija Maddalena u d-dixxipli; jistieden lill-għajnejn tagħna biex jaraw “aktar ’l hemm”, biex jintebħu li Ġesù, il-Ħaj, huwa Alla li jikxef lilu nnifsu u li jagħmel ruħu preżenti anke llum, li jitkellem magħna, imur qabilna, iġġibilna sorpriżi. Bħal Marija Maddalena, kull jum nistgħu nesperjenzaw it-telf tal-Mulej, imma kull jum nistgħu wkoll niġru nfittxuh mill-ġdid, bil-konvinzjoni li Hu jħallina nsibuh u jimliena bid-dawl tal-qawmien tiegħu.
Ħuti, dan huwa t-tama l-akbar ta’ ħajjitna: nistgħu ngħixu din il-ħajja fqira, fraġli u midruba mwaħħlin ma’ Kristu, għax Hu rebaħ il-mewt, jirbaħ id-dlam tagħna u jirbaħ id-dlamijiet tad-dinja, biex jgħammar fina għal dejjem fil-ferħ. Din hija l-mira tagħna, kif jgħid l-Appostlu Pawlu: “inħalli warajja dak li għadda u nixxennaq għal dak li ġej” (ara Fil 3:12-14). Bħal Marija Maddalena, Pietru u Ġwanni, aħna niġru biex niltaqgħu ma’ Kristu.
Il-Ġublew jistedinna nerġgħu nġeddu fina d-don tat-tama, nerfgħu t-tbatijiet u t-tħassib tagħna lit-tama, naqsmuha ma’ dawk li niltaqgħu magħhom fil-mixja tal-ħajja, u nafdaw lit-tama l-futur tagħna u d-destin tal-familja umana. U għalhekk, ma nistgħux nikkuntentaw bir-realtajiet li jgħaddu ta’ din id-dinja jew naqgħu f’dieqa; irridu niġru, mimlijin bil-ferħ. Ejjew niġru lejn Ġesù, nerġgħu niskopru l-grazzja bla prezz li nkunu ħbieb tiegħu. Inħallu l-Kelma tiegħu – Kelma ta’ ħajja u verità – tiddi f’ħajjitna. Kif qal it-teologu kbir Henri de Lubac: “Huwa biżżejjed li wieħed jifhem dan: il-Kristjaneżmu hu Kristu. Le, verament, ma hemm xejn ħlief dan. F’Kristu għandna kollox” (Les responsabilités doctrinales des catholiques dans le monde d'aujourd'hui, Paris 2010, 276).
U dan il-“kollox” li hu Kristu rxoxt jiftaħ ħajjitna għat-tama. Hu ħaj, u għadu jrid iġedded ħajjitna anke llum. Lilu, rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt, irridu ngħidulu:
“Mulej, f’dan il-jum tal-festa nitolbuk dan id-don: li wkoll aħna nkunu magħmulin ġodda, biex nesperjenzaw din il-ġdidet eterna. Naddafna, Alla, mit-trab tal-iskariġġ, għejja u indifferenza; agħtina l-ferħ li nqumu kull filgħodu b’miraklu, b’għajnejn lesti biex jaraw il-kuluri ġodda ta’ dan il-jum, uniku u qatt bħal ieħor. […] Kollox hu ġdid, Mulej, u xejn m’hu bħalma kien, xejn m’hu qodma” (A. Zarri, Quasi una preghiera).
O ħuti, fil-għaġeb tal-fidi tal-Għid, u nġorru f’qalbna kull tama ta’ paċi u ta’ ħelsien, nistgħu ngħidu: Miegħek, Mulej, kollox hu ġdid. Miegħek, kollox jerġa’ jibda.


